Stqarrija għall-Istampa minn Jobsplus u Identità
Identità u Jobsplus jinnotaw b’sodisfazzjon l-eżitu ta’ nvestigazzjoni konġunta dwar abbuż fuq ħaddiema barranin.
L-Aġenzija Identità u Jobsplus jilqgħu b’sodisfazzjon is-sentenza mogħtija fil-Qorti fil-konfront ta’ sid ta’ negozju li tressaq il-qorti fuq akkużi ta’ traffikar u sfruttament ta’ ħaddiema barranin.
Kienet investigazzjoni konġunta bejn l-Aġenzija Identità u Jobsplus, b’kollaborazzjoni mal-Korp tal-Pulizija li waslet sabiex dan is-sid ta’ negozju jiġi arrestat u mressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ traffikar u sfruttament ta’ ħaddiema barranin. L-akkużat ammetta l-akkużi mressqa kontrih u ngħata sentejn ħabs effettivi.
Applikazzjonijiet dubjużi jew rapporti li jidħlu għand l-Aġenzija Identità u Jobsplus, jekk jirriżultaw fondati u jkunu sostanzjati b’diversi provi, jgħaddu f’idejn il-Pulizija sabiex jittieħdu kwalunkwe passi li tippermetti l-liġi. Kemm Identità u Jobsplus kommessi li tkompli tissaħħaħ il-ħidma bil-għan jkunu salvagwardjati d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema.
Fost oħrajn, l-implimentazzjoni ta’ sistemi avvanzati fl-istadju ta’ valutazzjoni fuq l-applikazzjonijiet mill-Aġenzija Identità, se jkomplu jsaħħu l-ivverifikar tal-awtentiċità tad-dokumenti sottomessi.
L-Aġenzija Identità u Jobsplus jisħqu li mhu se jkun ittollerat l-ebda abbuż jew sfruttament, isir minn min isir u ġej minn fejn ġej, fuq ħaddiema irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Jirriaffermaw l-impenn tagħhom li min jinqabad jabbuża mill-proċessi ta’ ingaġġ ta’ ħaddiema barranin, mhux se jkun qed igawdi mis-servizzi mogħtija minn dawn iż-żewġ entitajiet.
Ifakkru li min jimpjega ħaddiema barranin għandu responsabbiltà li jassigura li dawn l-istess ħaddiema jkunu qed jaħdmu mal-kumpanija li magħha jkun sar il-kuntratt tax-xogħol u fil-pożizzjoni li abbażi tagħha jkun inħareġ il-Permess ta’ Residenza. Dan huwa obbligu legali, u l-ebda abbuż fuq dawn il-premessi mhu se jkun ittollerat.
Ifakkru li bħalma fil-passat kienu strumentali biex tkissru ċrieki, li possibilment kienu traffikanti tal-bnedmin, se jibqgħu mpenjati flimkien ma’ stakeholders oħra, biex ikun assigurat li d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema jkunu salvagwardjati.
Identità u Jobsplus jirringrazzjaw lill-Korp tal-Pulizija għall-kollaborazzjoni u l-ħidma tagħha, li waslet biex saret ġustizzja.