Taqsima tal-Espatrijati
Introduzzjoni tas-Sistema ta' Dħul-Ħruġ tal-UE (EES)
L-Unjoni Ewropea qed tintroduċi s-Sistema ta' Dħul-Ħruġ (EES) bħala waħda mill-miżuri meħuda biex jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni biex jinkisbu livelli ogħla ta' sigurtà madwar l-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-prevenzjoni tal-kriminalità transkonfinali u t-terroriżmu.
L-EES hija sistema awtomatizzata li tirreġistra vjaġġaturi minn pajjiżi terzi; kemm dawk li għandhom viża kif ukoll dawk eżentati mill-viża; kull darba li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE. L-EES se tirreġistra dettalji personali, data bijometrika (immaġini tal-wiċċ u marki tas-swaba'), id-data u l-post tad-dħul u l-ħruġ, kif ukoll ir-rifjuti tad-dħul. L-informazzjoni kollha se tinġabar u tinħażen b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data.
Is-sistema EES se tissostitwixxi t-timbri manwali tal-passaporti, bil-għan li tissimplifika l-qsim tal-fruntieri, ittejjeb is-sigurtà, tipprevjeni l-migrazzjoni irregolari, u tgħin biex tidentifika dawk li jaqbżu l-permess ta' soġġorn u każijiet ta' frodi tal-identità. Permezz ta' kontrolli awtomatizzati tal-fruntieri u sistemi ta' self-service, il-vjaġġaturi se jesperjenzaw proċessi ta' kontroll tal-fruntieri aktar veloċi u konvenjenti.
Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni dettaljata dwar is-Sistema tad-Dħul/Ħruġ tal-UE.
Ikklikkja hawn għall-Mistoqsijiet Frekwenti dwar is-Sistema tad-Dħul/Ħruġ tal-UE.
