Pubbliku Reġistru
Data tal-Pubblikazzjoni: 15 ta' Mejju 2023
L-aħħar Aġġornament: m/d
Verżjoni: 2.0
Sommarju
Identità hija meħtieġa tirrikonoxxi u tirreġistra dokumenti pubbliċi barranin, bħala parti mill-evidenza dokumentarja biex tappoġġja applikazzjonijiet fit-taqsimiet kollha tagħha.
Din il-politika tispeċifika r-rekwiżiti tal-Aġenzija b'mod ġenerali u tispeċifika fejn hemm rekwiżiti partikolari għal Taqsima jew każ, kif jista' jkun. Dawn jistgħu jinkludu dokumenti u traduzzjonijiet bil-Malti jew bl-Ingliż li jkunu apostillati jew legalizzati skont l-oriġini tad-dokument.
Dokumenti ppreżentati minn applikanti jistgħu jinżammu u jiġu ppreservati b'mod indefinit fl-arkivji tal-Aġenzija Identità.
Politika
1. Politika dwar ir-Rikonoxximent ta' Dokumenti Pubbliċi Barranin
Din il-politika tapplika għall-każijiet kollha fejn Identità hija meħtieġa tirrikonoxxi u tirreġistra dokumenti pubbliċi barranin.
2. Dokumenti pubbliċi oriġinali jew kopji ċċertifikati bħala veri
Dokumenti sottomessi minn pajjiżi tal-UE u mhux tal-UE jistgħu jkunu jew oriġinali jew kopji veri ċċertifikati. Fil-każ ta' kopji veri ċċertifikati, dawn iridu jkunu maħruġa mill-istess awtorità kompetenti jew Qorti li ħarġet id-dokument oriġinali.
3. Apostille u legalizzazzjoni sħiħa
Identità se taċċetta biss kopji oriġinali jew kopji veri ċċertifikati ta' dokumenti kif speċifikat aktar 'l isfel:
Dokumenti pubbliċi, u l-kopji ċċertifikati tagħhom, maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru m'għandhomx bżonn jiġu apostillati jew legalizzati kompletament, bil-kundizzjoni li tali dokumenti jkunu biex jistabbilixxu kwalunkwe mill-fatti kif previst fir-Regolament 2016/1191 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini billi jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea.
Dokumenti pubbliċi, fil-format oriġinali u l-kopji ċċertifikati tagħhom, maħruġa mill-awtoritajiet ta' pajjiż terz, iridu jiġu jew apostillati jew legalizzati kompletament.
F'każijiet li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta' dokumenti mar-Reġistru Pubbliku, jekk ma jkunx possibbli li jiġu pprovduti dokumenti li huma jew apostillati jew legalizzati bis-sħiħ, iċ-ċirkostanzi u l-partikolaritajiet tal-każ għandhom jiġu spjegati b'mod ċar lir-Reġistru Pubbliku sabiex tingħata assistenza.
Dettalji ta' kuntatt għar-Reġistru Pubbliku jistgħu jinstabu hawn taħt u fuq il-websajt tal-Aġenzija, https://www.identita.gov.mt
- Reġistru Pubbliku ta' Malta:
Email: publicregistry.identita@gov.mt
Telefon: +356 25904200
- Reġistru Pubbliku ta' Għawdex:
Email: localnotificationsgozo.identita@gov.mt
Telefon: +356 25904615 / 25904614
4. Traduzzjonijiet
Dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, li jinħarġu f'lingwa oħra għajr l-Ingliż jew il-Malti, u li huma koperti mir-Regolament tal-UE 2016/1191, bħal ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ, tal-unjoni ċivili, tal-istatus liberu, u tal-mewt, huma aċċettati jekk ikunu akkumpanjati minn formola standard multilingwi bħala għajnuna għat-traduzzjoni.
Dokumenti pubbliċi li huma akkumpanjati mill-formola standard multilingwi, u jinkludu qasam wieħed jew aktar li jkunu tlestew f'lingwa oħra għajr l-Ingliż jew il-Malti, jeħtieġu traduzzjoni ta' dawn l-oqsma għall-ipproċessar tad-dokument.
Dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, li mhumiex akkumpanjati minn formola standard multilingwi, u li jinħarġu mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, li mhumiex bl-Ingliż jew bil-Malti, jeħtieġ li jiġu tradotti għall-Ingliż jew għall-Malti.
Dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi li, parzjalment jew kompletament, mhumiex bl-Ingliż, jeħtieġ li jiġu tradotti għall-Ingliż jew għall-Malti.
Traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi kollha tal-UE maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li huma tradotti f’Malta minn persuni rreġistrati fil-Lista ta’ Tradutturi ta’ Identità ma jeħtiġux apostille jew li jkunu legalizzati bis-sħiħ.
Il-Lista tat-Tradutturi ta' Identità hija aċċessibbli minn: https://identita.gov.mt/public-registry-sec-page-translators-list/
Traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi kollha tal-UE maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li huma tradotti minn persuni li huma rreġistrati mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ta’ Malta, iżda li mhumiex fil-Lista ta’ Tradutturi ta’ Identità, iridu jkunu apostillati jew legalizzati.
Ir-Reġistru pprovdut mit-Taqsima tal-Legalizzazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ta' Malta jista' jiġi mfittex permezz tal-portal https://signatories-legalisation.gov.mt/
Traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi kollha li huma tradotti fi stat membru tal-Unjoni Ewropea minn traduttur li jista' jiġi vverifikat fuq il-portal tal-Unjoni Ewropea https://e-justice.europa.eu/content_public_documents-551-en.do huma aċċettati u m'għandhomx għalfejn jiġu appostillati jew legalizzati. Jekk, madankollu, traduttur bħal dan ma jkunx ivverifikat fuq il-Portal tal-Unjoni Ewropea, tali traduzzjoni trid tiġi appostillata jew legalizzata bis-sħiħ.
It-traduzzjonijiet kollha ta' dokumenti mhux tal-UE, li huma tradotti jew barra minn Malta jew mill-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu apostillati jew legalizzati kompletament.
Identità tirriżerva d-dritt li titlob traduzzjoni ta' kwalunkwe qasam/oqsma ta' data meħtieġa għall-iskopijiet ta' reġistrazzjoni li ma jkunux bil-lingwa Ingliża jew Maltija.