Ippubblikat fil-25 ta' Ġunju 2025

Identità Tirċievi t-Tielet Premju ta' Kwalità għall-Eċċellenza

Ir-Reġistru Pubbliku ta' Malta huwa rikonoxxut għas-servizz eċċellenti tiegħu

Identità Tirċievi t-Tielet Premju ta' Kwalità għall-Eċċellenza

Identità ġiet rikonoxxuta bit-tielet Premju tal-Kwalità tas-Servizz Pubbliku. Dan il-Premju tal-Kwalità ġie ppreżentat lir-Reġistru Pubbliku ta' Malta, għas-servizz ta' kwalità eċċellenti li jipprovdi.

 

Il-Quality Award hija rikonoxximent prestiġjuż li jingħata lil entitajiet pubbliċi u dipartimenti tal-Gvern li juru livelli eċċezzjonali fl-għoti tas-servizz u impenn lejn standards ta' kwalità u governanza tajba. Jingħata wara proċess ta' evalwazzjoni rigoruż, li matulu, id-dipartiment jiġi vvalutat fuq is-servizz ta' kwalità li joffri kif ukoll fuq l-effiċjenza tas-servizzi tiegħu.

 

Dan huwa t-tielet Premju tal-Kwalità li Identità rċeviet f'perjodu ta' sentejn. Fl-2023, it-Taqsima tal-Karti tal-Identità u l-Uffiċċju tal-Passaporti kienu kull wieħed rikonoxxuti bi Premju tal-Kwalità. Barra minn hekk, l-eżerċizzji tal-Mystery Shopper li jsiru minn żmien għal żmien, ikkonfermaw li ż-żewġ dipartimenti għadhom qed jipprovdu servizz ta' kwalità eċċellenti u b'hekk, għadhom iżommu dan il-kisba.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta' Identità, is-Sur Steve Agius, irrikonoxxa l-impenn tal-impjegati u rringrazzjahom għax-xogħol iebes u d-dedikazzjoni tagħhom.

 

“Onorati ħafna li rċevejna t-tielet Premju għall-Kwalità tas-Servizz Pubbliku. Dan ir-rikonoxximent huwa kisba importanti oħra ta’ Identità, li tikkonferma kemm l-Aġenzija tpoġġi lill-klijenti u l-bżonnijiet tagħhom fl-ogħla prijorità, filwaqt li tiżgura li s-servizzi kollha li tipprovdi huma tal-ogħla standard, sikuri u effiċjenti.”