Paġna ewlenija tal-Unità Ċentrali tal-Viża

Taqsima Ċentrali tal-Viża

It-Taqsima Ċentrali tal-Viża hija l-awtorità ewlenija tal-Gvern għall-immigrazzjoni, responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali dwar il-viża u d-dispożizzjonijiet taħt il-Ftehim Schengen (fejn jidħlu kwistjonijiet dwar il-viża). Ir-responsabbiltà tal-ħruġ ta’ viża hija flimkien mal-Missjonijiet Diplomatiċi ta’ Malta barra minn xtutna.

 

It-Taqsima Ċentrali tal-Viża hija kommessa li tiffaċilita l-ħruġ ta’ viża lill-applikanti kollha, li għandhom raġuni valida u ġenwina biex jaslu fit-territorju Malti.

 

X'inhi Viża?

 

Il-Viża hija awtorizzazzjoni fil-forma ta’ stiker imwaħħla ma’ passaport li tawtorizza lid-detentur sabiex jirresjedi jew jgħaddi minn Malta matul perjodu limitat u speċifikat. Il-pussess ta’ viża ma jagħtix dritt awtomatiku liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għad-dħul, għaliex id-detentur irid ikun konformi mal-kundizzjonijiet tad-dħul.

 

Minkejja l-pussess ta’ viża, l-awtoritajiet ta’ sigurtà jistgħu jirrifjutaw id-dħul jew jikkanċellaw il-viża jekk ikun stabbilit li:

 

  • min iġorr il-viża ma jkunx fil-pussess ta’ mezzi adegwati ta’ sussistenza;
  • l-informazzjoni sottomessa waqt l-applikazzjoni għall-viża kienet żbaljata jew iffalsifikata;
  • id-detentur ma jkunx jista’ jipprovdi dettalji dwar iċ-ċirkostanzi tal-waqfa tiegħu/tagħha f’Malta.

L-awtoritajiet ta’ sigurtà jistgħu jirrifjutaw id-dħul ukoll għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ politika pubblika. Malta prinċipalment toħroġ żewġ (2) tipi ta’ viża:

 

  • Il-Viża Schengen (soġġorn qasir), li tinħareġ għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum u hija regolata mid-dispożizzjonijiet li fuqhom hemm qbil mal-Unjoni Ewropea; u
  • Il-Viża Nazzjonali (soġġorn twil / D-Visa), li tinħareġ għal perjodu li jaqbeż id-90 jum, iżda mhux aktar minn 365 jum, u skont ir-regoli nazzjonali.